Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda

 
Aġenzija Żgħażagħ bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Każini tal-Banda, qed tniedi l-proġett ‘It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’ bħala parti mill-programm ta’ Sapport lill-Għaqdiet taż-Żgħażagħ.
 
Dan il-proġett qiegħed jiġi amministrat mill-istess Aġenzija, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji. Il-Każini tal-Banda, f’diversi bliet u rħula Maltin u Għawdxin jipprovdu liż-żgħażagħ bl-opportunita’ li jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet mużikali tagħhom. 

L-għan ewlieni wara din l-iskema hija li tipprovdi assistenza finanzjarja lill-Każini tal-Banda lokali biex joħorġu b’inizjattivi u proposti li bihom iħeġġu żgħażagħ jibdew jitgħallmu strumenti mużikali u/jew itejbu s-servizzi ta’ tagħlim għal dawk iż-żgħażagħ li diġa’ qegħdin jattendu l-każini.

Dawn jistgħu wkoll iniedu inizjattivi innovattivi u sostenibbli biex jibdew jew isaħħu l-istrutturi ta’ tagħlim mużikali tagħhom. Il-proposti magħżula għandhom jilħqu l-kriterji li ġejjin: proposti miktuba b’mod ċar u loġiku, bi pjan ċar u realistiku ta’ kif se titwettaq l-inizjattiva; proposti li jirriflettu b’mod dirett l-għanijiet u relevanti għall-prijoritajiet ta’ din l-iskema, l-innovazzjoni tal-inizjattiva, evidenza ta’ żvilupp tat-tagħlim mużikali u tas-sostenibbilita’ u l-kontinwazzjoni tal-inizjattiva, miżuri ta’ viżibilita u baġit realistiku li juri li n-nefqa tirrifletti taħriġ mużikali.

Jistgħu isiru applikazzjoni taħt żewġ skemi:

It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda Skema A hija inizjattiva żviluppata għal sostenn u żvilupp tal-iskola tal-mużika f’każin tal-banda individwali.

Finanzjament ta’ Skema A: Inizjattiva tiswa sa massimu ta’ €3,000.00 l-Aġenzija Żgħażagħ tiffinanzja 80% tal-ispiża (sa massimu ta’ €2,400.00). L-20% li jibqa’ jridu jiġu ffinanzjati mill-Każini tal-Banda rispettivi. Is-sussidju jingħata biss meta jiġu ppreżentati l-irċevuti tal-ispejjeż indikati fil-proposta.

It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda Skema B hija inizjattiva żviluppata għal proġetti ta’ taħriġ mużikali żviluppati minn żewġ għaqdiet mużikali jew aktar li jkunu qiegħdin jikkollaboraw flimkien.

Finanzjament ta’ Skema B: Inizjattiva li tiswa sa massimu ta’ €20,000.00, fejn għal kull partner jista’ jintalab €2,000.00. L-Aġenzija Żgħażagħ tiffinanzja 80% tal-ispiża. L-20% li jibqa’ jridu jiġu ffinanzjati mill-Każini tal-Banda rispettivi. L-Aġenzija Żgħażagħ tgħaddi l-finanzjament għand il-‘lead partner’. Is-sussidju jingħata biss meta jiġu ppreżentati l-irċevuti tal-ispejjeż indikati fil-proposta.

Iktar dettalji dwar dawn l-iskemi jinsabu fil-Linji Gwida

Proposti taħt din l-iskema isiru online permezz tal-portal VOfunding . Għaldaqstant dawk il-każini interessati li jissottomettu l-proposti tagħhom, u li għad m’għandhomx profil, għandhom jirreġistraw l-aċċess tagħhom għall-portal billi jidħlu hawn. Il-Kunsill tal-Volontarjat huwa disponibbli li jagħti servizz ta’ għajnuna teknika dwar l-użu tal-portal.

Koordinatriċi tal-Proġett: Maria C. Borg
Imejl: maria-carmela.borg@gov.mt
Tel: 22586743

Għal għajnuna teknika dwar l-użu tal-Portal VOfunding

Malta Council for the Voluntary Sector
Imejl: mcvs.mede@gov.mt
Tel: 22481110
 

left
right
YIOSS logo.jpg Register your Youth Organization Equipment for Hire Villa Psaigon