Ftit ġranet biss għall-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2019  11/03/2019
Ftit ġranet biss għall-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2019

Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu ser ikun imtella’ l-festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ġewwa t-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop. Iż-żgħażagħ finalisti huma studenti fl-iskejjel ta’ livell medju u sekondarji.

Għal sena oħra l-Aġenzija Żgħażagħ qiegħda tagħti s-sapport tagħha lil festival Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala spazju validu fis-soċjeta li huwa għodda li jwassal liż-żgħażagħ Maltin jesprimu ruħhom bil-Malti permezz tal-kanzunetta. Din is-sena ukoll, il-festival qiegħed iservi ta’ pjattaforma ta’ tnedija għall-programm tal-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, li għandu jsaħħaħ is-sehem taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-kanzunetti bil-Malti miktuba minnhom stess.

F’konferenza stampa li saret nhar il-Ħamis, 7 ta’ Marzu l-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarji Parlamentari Clifton Grima u Chris Agius tennew l-importanza tas-sostenn li għandu jkunn offrut liż-żgħażagħ sabiex dawn ikomplu jikbru u jiżviluppaw it-talent artistiku lokali. Għaldaqstant issemma’ l-valur tal-kontribut li qiegħda tagħti l-Aġenzija Żgħażagħ sabiex jinħolqu programmi u opportunitajiet oħrajn fejn iż-żgħażagħ jiżviluppaw dan it-talent.

Il-festival l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2019 ser ikun imtella’ nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019 ġewwa l-Kulleġġ San Benedittu b’rappreżentazzjoni fil-għodu għall-iskejjel u filgħaxija miftuħa għall-pubbliku. Is-sittax il-kanzunetta finalista li ser jipparteċipaw fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ser ikunu akkumpanjati live mill-Malta Concert Orchestra. Il-premju L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ jingħata lill-aħjar kanzunetta fost dawk finalisti. Il-Premju L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ikun ddikjarat fl-aħħar ta’ din is-serata. Jingħata wkoll premju għall-kategorija ta’ dawk il-kantanti li jattendu skola medja, u premju għall-kategorija ta’ dawk li jattendu skola sekondarja.